Il-bilingwiżmu jista’ jiħaddem faċilment.
Tallinja jagħtu eżempju ċar ta’ kif tista’ tħaddem il-bilingwiżmu b’mod effettiv. Niddejaq meta nisma’ li huwa diffiċli li tagħmel it-tabelli bil-Malti u bl-Ingliż, u li jaqbillek taqbad u tgħamilhom bl-Ingliż biss peress li kulħadd jifmhu. Minkejja l-fatt li mhux kulħadd jifhem l-Ingliż, hemm ukoll il-fatt li bosta pajjiżi, speċjalment Ewropej jaħdmu b’sistema ta’ bilingwiżmu, fejn il-lingwa prinċipali ta’ dak il-pajjiż tieħdu l-preċedenza, mhux l-Ingliż. Għandna bosta eżempji ċari ta’ dan hawn Malta, b’wieħed minnhom ikun it-trasport pubbliku.
Għalkemm il-kumpanija tuża isem Ingliż (Malta Public Transport) u x-xarabankijiet li jaħdmu bl-elettriku qiegħdin mgħottija b’wrapping Ingliż (100% electric), għandhom bosta eżempji tajbin ta’ bilingwiżmu. Eżempju ċar ta’ dan huwa t-tabella li tispjegalek ir-regoli li għandek ssegwi fuq tallinja. It-tabella hija bilingwa, bil-Malti fuq in-naħa tax-xellug u l-Ingliż fuq in-naħa tal-lemin. Naraw dan ukoll fil-bosta tabelli li nsibu mwaħħlin mat-twieqi, li fost oħrajn jispjegawlek x’għandek tgħamel f’każ t’ Emerġenza, u avviż mill-Puliżija ta’ Malta.