George, flimkien ma’ James Sciberras u bosta partijiet interessati oħra minn diversi fora differenti, attenda l-konferenza annwali l-Istat tan-Nazzjon, ospitata mill-E.T. Myriam Spiteri Debono, il-President tar-Repubblika.
F’din il-konferenza, George kellu l-opportunità jisma’ lill-istatistiku Vincent Marmarà jippreżenta rizultati tas-sondaġġ li ffokka fuq il-ħtiġijiet u l-opinjonijiet taċ-ċittadini Maltin, sabiex pajjiżna jifhem aħjar min hu l-poplu Malti f’dawn iż-żminijiet. It-tema ta’ din il-konferenza kienet fuq il-mudell ekonomiku li pajjiżna qed iħaddan.
George u l-persuni l-oħra li attendew kellhom l-opportunità li jisimgħu diskussjonijiet ta’ panels fuq diversi temi, li kollha jirrelataw għall-Poplu Malti u l-mudell ekonomiku. Preżenti f’dawn il-panels kienu bosta partijiet interessati inklużi Ministri u Kelliema tal-Oppożizzjoni.
Matul il-waqfiet bejn parti u oħra, u wara l-konferenza, George tkellem u ddiskuta ma’ bosta persuni, inklużi l-E.T. Myriam Spiteri Debono (il-President tar-Repubblika), Dr Robert Abela (Prim Ministru), Prof. Vincent Marmarà (Statistiku), Lou Bondi (ex-Xandar), Prof. Andrew Azzoppardi (Dekan u Xandar), bosta persuni distinti u Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati.