Il-Gvern ta’ Malta?

Tinduna kemm vera missejna l-qiegħ meta tara li Istituzzjonijiet Ewropej qed jużaw il-lingwa Maltija iktar mill-Gvern ta’ Malta stess.

Nibda billi niffoka fuq in-nuqqas ta’ użu tal-Malti mill-Gvern, li jidher f’diversi proġetti mnedija mill-Gvern. Christmas in the Capital, Positive Parenting, Project Green u Beat the Silence huma ftit minn bosta proġetti u entitajiet li jużaw isem Ingliż, allavolja huma mmirati lejn il-Maltin. Naraw dan ukoll fil-konferenzi li jsiru mill-Gvern. Għalkemm jintuża l-Malti mill-kelliema kollha, mhux l-ewwel darba li l-isfond ta’ wara l-kelliema, u d-disinn tal-konferenza jkun bl-Ingliż, ħlief it-tabella żgħira li turik taħt liem kategorija tal-gvern taqa’.

Nixtieq insemmi wkoll ir-riklamar li juża l-Gvern. Apparti l-isem tal-Ministeru, dan l-aħħar rajna l-użu ta’ ‘kategoriji’, bħall-familja, sostenibbiltà, turiżmu, edukazzjoni eċċ. Għalkemm napprezza l-fatt li dawn huma miktubin bil-Malti, l-isem li juża l-Gvern bħala umbrella term għal dawn il-kategoriji huwa wieħed ingliż. Possibli ma stajniex insibu isem Malti flok ‘maltagov’? Xi ‘gvern.mt’ jew ‘gvernmalti’ kien se jkun isem agħar?

Minn naħa l-oħra, l-Entitajiet Ewropej jużaw il-lingwa Maltija, anke f’postijiet fejn ma tistennihiex. Perfetti m’humiex, sfortunatament smajna b’ diversi ċirkostanzi fej MPE Maltin ma setgħux jużaw il-Malti fil-Parlament Ewropew għax ma kienx hemm tradutturi.

Jekk iżżur il-Mużew tal-Parlament Ewropew fi Brussell (il-Parlamentarium), joffulek l-opportunità li tesperjenzah bil-Malti. Apparti minn hekk, il-maġġoranza tas-siti elettroniċi li għandhom x’jaqsmu mal-UE, tista’ taċċessahom bil-Malti ukoll. F’paġni fejn mhux possibbli li xi ħadd jaqlibhom għall-Malti manwalment, is-siti Ewropej joffru s-servizz ta’ eTranslation, li għalkemm jkun hemm xi żballji fit-traduzzjoni, xorta naprezza l-fatt li hemm sistema bħal din disponibbli għalina.

Meta se nitgħallmu napprezzaw il-lingwa tagħna?